X’ Għandna Nagħmlu Biex

Inħossuna Aħjar

Benefiċċji

Meta s-saħħa mentali tagħna tkun b’saħħitha, nitgħallmu iktar malajr, nkunu iktar kreattivi u produttivi, ikollna relazzjonijiet ferm iktar sodi ma’ ta’ madwarna, u ngawdu minn saħħa fiżika tajba.

Bl-istess mod, meta s-saħħa mentali tagħna tbati, taffetwa lilna u lil ta’ madwarna.

Is-saħħa mentali tagħna hija kumplessa ħafna. Jista’ jagħti l-kas li ma jkollnix kundizzjoni imma s-saħħa mentali tagħna tkun batuta. Min-naħa l-oħra, hemm min jgħix b’kundizzjoni imma minħabba li jaf kif jieħu ħsiebha, jgħix b’saħħa mentali b’saħħitha.

L-Istress

Sabiex inżommu bilanċ fis-saħħa mentali tagħna, irridu nkunu attenti għal-livelli ta’ stress tagħna Dan nistgħu nagħmluh billi: (i) Nagħmlu attivita` fiżika (ii) Nieklu ikel tajjeb għal saħħitna (iii) Nevitaw ix-xorb (iv) Nevitaw drogi illiċiti jew li mhux preskritti. Huwa importanti li nkunu mgħarrfa u nafu xi jkun hemm bżonn meta nosservaw sintomi ta’ stress li jista’ jikkawża ħsara.

L-ostakli huma parti mil-vjaġġ tal-ħajja. Irrid nitgħallmu kif nindirizzawhom sabiex ma neħlux minħabba fihom. Is-sapport tal-ħbieb u dawk ta’ madwarna huwa ta’ importanza kbira f’ħajjitna, għaliex jistgħu jipprovduna b’appoġġ emozzjonali u prattiku. Il-fatt illi nafu li hemm xi ħadd li jista’ jkun preżenti sabiex jisma u jgħin tagħmel differenza kbira.

Reżiljenza

Reżiljenza hija meta persuna tirribatti kontra sitwazzjonijiet diffiċli. Din hija saħħa ġewwiena li tgħinek terġa’ tqum fuq saqajk wara xi sfida, telf t’impjieg, mard, stress, il-mewt ta’ xi ħadd għażiż. In-nuqqas ta’ reżiljenza jista’ faċilment jwassal biex persuna tkabbar il-problemi, tħossha li qed iġġorr wisq toqol, u tispiċċa ddur għal modi ħżiena ta’ kif tieħu ħsieb lilha nnifisha bħal tiekol ikel bla rażan u tabbuża mis-sustanzi. L-aħbar it-tajba hi li r-reżiljenza hija attitudni li kulħadd jista’ jitgħallem. Hawn tista’ ssib xi modi ta’ kif issaħħaħ ir-reżiljenza tiegħek:

  1. Żomm f’kuntatt – oħloq relazzjonijiet pożittivi u b’saħħithom mal-persuni għeżież għalik u l-ħbieb li jistgħu jagħtuk is-sapport li teħtieġ u jaċċettawk int kif int, kemm f’mumenti feliċi kif ukoll dawk diffiċli.
  2. Agħmel kull ġurnata sinifikanti – agħmel xi ħaġa li tagħtik sodisfazzjoni u skop kuljum. Stabilixxi għanijiet u ppjana l-ġranet tiegħek.
  3. Tgħallem mill-esperjenza – ara kull esperjenza bħala opportunità sabiex titgħallem minnha. L-iktar esperjenzi li nitgħallmu minnhom jiġu bis-saħħa ta’ sitwazzjonijiet diffiċli.
  4. Titlifx it-tama – il-passat ma jistax jinbidel, però jekk tħares ‘il quddiem u tipprepara lilek innifsek biex taffaċċja l-bidla, jgħinek sabiex taddatta u tħares lejn l-isfidi b’inqas anzjetà.
  5. Ħu ħsieb tiegħek innifsek – irrikonoxxi l-emozzjonijiet u l-bżonnijiet tiegħek. Prova ddedika ħin sabiex tagħmel attivitaijiet li tħobb tagħmel, jista’ jkun; tistrieħ, tiekol ikel tajjeb għas-saħħa, tagħmel l-eżerċizzju, jew tilgħab xi logħba. Dan inaqqaslek mill-istress, u jgħinek terġa’ tħossok aħjar.
  6. Ħu r-riedni ta’ dak li qed tħoss – titfax il-problemi taħt it-tapit iżda fassal pjan ta’ kif ser tieħu ħsieb il-problema. Jekk tħoss wisq toqol, fittex l-għajnuna. Li tfittex l-għajnuna hija xi ħaġa kruċjali biex tkun persuna reżiljenti.

Jieħu ż-żmien biex tkun reżiljenti u xi drabi tħoss li bħal donnu l-progress mhux qiegħed isir. Ftakar li dan huwa eżerċizzju li jieħu ż-żmien u li għandu bżonn prattika kuljum – l-istess mod bħal li kieku tixtieq tipprattikka xi sport ġdid.

Żomm Attiv

Kemm il-darba nisimgħu bl-importanza tal-eżerċizzju biex nieħdu ħsieb saħħitna. Kien hemm studju li qabbel il-burdata ta’ nies li kienu qed jagħmlu xi eżerċizzju u jiċċaqilqu, bħal per eżempju jagħmlu l-faċendi, mal-burdati ta’ nies li kienu weqfin, per eżempju jaqraw jew jaraw it-televixin. In-nies li kienu għadhom kemm għamlu xi tip ta’ eżerċizzju kienu iktar kalmi, kuntenti u fffukati meta kkumparati ma’ dawk li m’għamlux eżerċizzju. L-istudju sab ukoll li iktar ma tkun baxxa l-burdata iktar titjieb wara l-eżerċizzju.

Apparti li jtejjeb il-burdati,l-eżerċizzju jgħin ukoll fl-irqad u jtejjeb il-livelli ta’ enerġija matul il-ġurnata. Bl-eżerċizzju tista’ wkoll tiltaqa’ ma’ nies oħra li tgħin tnaqqas is-solitudni u jista’ wkoll jaljena minn ħsibijiet tqal.

Eżempji t’attivitajiet li tista’ ddaħħal fir-rutina tiegħek:

Nżommu Ruħna Attivi
  • Mur passiġġata jew dawra bir-rota
  • Agħmel xi xogħol fil-ġnien
  • Mur għum
  • Mur il-gym
Ħin Għalik
  • Imla’ banju
  • Ixtri ftit fjuri għalik
  • Mur il-baħar u aqra’ ktieb
  • Ibbukkja massaġġ
  • Organizza ġurnata ta’ spa id-dar
Ħin ma’ Oħrajn
  • Stieden xi ħabib/a d-dar
  • Żur il-ġar
  • Ċempel xi ħabib/a
  • Ħu t-tfal jew il-pets sal-bandli
Ħin ta’ Mistrieħ
  • Aqra xi ktieb
  • Isma xi podcast
  • Sib hobby ġdid
  • Tgħallem xi ħaġa ġdida
Madwar id-Dar
  • Sajjar xi ħaġa
  • Isma’ l-mużika jew ir-radju
  • Aħseb x’xi proġett tad-DIY
Il-Bogħod mid-Dar
  • Agħmel xi volontarjat
  • Żur xi ħabib/a
  • Ingħaqad ma’ xi grupp jew klassi
  • Mur is-suq
  • Żur xi mużew jew librerija
  • Mur iċ-ċinema
U jekk veru mhux inħossni tajjeb?

Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek huwa l-iktar diffiċli meta l-iktar li jkollok bżonn. Meta nkunu għaddejin minn żmien ħażin kapaċi jkun diffiċli nsibu l-motivazzjoni biex niċċaqilqu, u tkun frustranti meta ta’ madwarna jizfurzawna nagħmlu xi ħaġa li ma nħossux li għandna s-saħħa għaliha.

Ftakar li kulħadd jgħaddi minn żmien ħażin. Ipprova oqgħod lura milli tħossok ħażin jew ħati għax ma tkunx qed tagħmel daqs kemm tixtieq; dawn l-emozzjonijiet jistgħu igiegħluk tħoss sens ta’ falliment, li jwasslek biex tħossok agħar.

Ara ftit x’għandek bżonn. Jista’ jkun li għandek bżonn xi ġranet għal kwiet sakemm issib saħħtek u terġa tibda tagħmel l-eżerċizzju. L-iktar ħaġa importanti hija li tagħti l-attenzjoni meħtieġa lill-moħħok u lill-ġismek biex tifhem x’għandhom bżonn, u tara kif l-aħjar tieħu ħsieb tiegħek innifsek.