Ħames Passi biex Tieħu Ħsieb l-Ansjetà
Hawn taħt ser nagħmlu referenza għal ħames punti differenti illi wieħed jista’ jadotta sabiex ikun jista’ jieħu ħsieb u jimmaniġġja l-ansjetà b’mod effettiv. Dawn il-punti kapaċi jgħammru lil dak li jkun b’soluzzjonijiet u għodda prattiċi sabiex ikun jista’ jagħmel dan b’mod effettiv.
Il-5 Passi
L-Ewwel Pass
Nifhmu l-Ansjetà
Huwa importanti li nibdew dan il-proċess billi nifhmu eżatt x’inhi l-ansjetà u kif taffettwa l-funzjoni tal-moħħ. Dan jista’ jinkiseb billi titgħallem u ssir familjari ma’ fatti dwar l-ansjetà sabiex jgħinuk tkun iktar fil-kontroll tas-sitwazzjoni.
L-ansjetà kapaci tikkundizzjona l-mod ta’ kif naħsbu u għalhekk huwa essenzjali illi l-persuna li qiegħda tesperjenza l-ansjetà tifhem eżatt f’hix tikkonsisti, biex b’hekk tkun tista’ tħares lejn is-sitwazzjoni b’mod aktar infurmat. Iktar kemm wieħed jinforma ruħu fuq din il-kundizzjoni, aktar tkun f’pożizzjoni illi tiħu kontroll tas-sitwazzjoni biex b’hekk ikun aktar possibli illi tgħix ħajja ta’ kwalita’ tajba.
Il-kliem ansjetà u paniku jaf ikollhom tifsira differenti għal xi ħadd illi qatt ma esperjenza l-kundizzjoni ta’ l-ansjetà. Dawk il-persuni illi għandhom il-kundizzjoni ta’ l-ansjetà, jesperjenzaw ċertu burdati u emozzjonijiet illi jagħmlu l-ħajja ħafna aktar diffiċli għal dak li jkun. Meta persuna tinforma ruħha fuq din il-kundizzjoni, tkun kapaċi tagħraf aktar is-sintomi illi ġġib magħha u għalhekk tkun f’pożizzjoni aħjar biex tieħu kontroll tas-sitwazzjoni. Ir-realta` hi illi inqas kemm inkunu kapaċi nagħrfu s-sintomi ta’ l-ansjetà, dawn jaf jirkbu l-ħsieb tagħna u għalhekk ikun aktar diffiċli biex tvinċi u tiġġildilhom.
Meta wieħed jitgħallem jagħraf x’inhi l-ansjetà, ikun f’pożizzjoni aħjar biex jerġa’ jieħu kontroll ta’ l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet u fuq kollox il-ħajja. Hawn fuq għandek issib filmat ta’ psikoterapist Maltija biex jgħinek tifhem dawn il-kunċetti b’mod aktar ċar, biex b’hekk jgħinek tul il-vjaġġ tiegħek.
Minbarra dak kollu li semmejna hawn fuq, tista’ ssib lista ta’ kotba u apps li jistgħu jgħinuk tifhem aktar u tittratta l-ansjetà b’modi aktar kostruttivi u reżiljenti.
It-Tieni Pass
Strateġiji: Meditazzjoni u Mindfulness
Huwa importanti illi tikkunsidra l-beneffiċċji ta’ eżerċizzji bħal meditazzjoni u mindfulness biex tieħu ħsieb il-kundizzjoni tal-ansjetà u l-attakki ta’ paniku li tista’ ġġib magħha. Din is-sezzjoni tagħti ħarsa lejn ir-riċerka u l-qawwa ta’ dak li l-mindfulness jista’ jikseb, mhux biss fl-indirizzar tal-problemi tas-saħħa mentali iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Hawnhekk se niffokaw fuq kif nirrilassaw u kif nużaw mindfulness biex negħlbu dak li nkunu qegħdin nħossu kawża tal-ansjetà.
Sib iktar informazzjoni hawn.
Kultant il-ħsibijiet tiegħek jiddefinixxu l-mod ta’ kif tħossok, u xi kultant il-mod ta’ kif tħossok jiddefinixxi l-ħsibijiet tiegħek. Il-Mindfulness jagħtik l-abbilta` li ma tiġġudikax il-ħsibijiet li jiġu f’moħħok u għalhekk la topponi u lanqas tinġarr b’sentiment. Il-meditazzjoni tagħtik l-għodda sabiex tagħraf dawn l-emozzjonijiet biex b’hekk tkun tista’ tindirizza l-emozzjonijiet bl-aktar mod abbli u kunfidenti.
Kif wieħed jista’ jaqra u jara mill-apps u l-kotba, l-għan tal-meditazzjoni m’hux li jikkontrolla l-moħħ jew li jwaqqaf il-ħsibijiet. Għall-kuntrarju, huwa proċess fejn tieħu pass lura u sempliċiment tħalli l-moħħ jipproċessa. B’din it-teknika nitgħallmu niffukaw aktar fuq il-preżent.
Il-problema ewlenija hija r-reżistenza. Meta jkollna ħsibijiet mhux pjaċevoli, nsibu lilna nfusna nagħmlu l-almu tagħna biex nirreżistuhom. Jekk niġġieldu dawn il-ħsibijiet jew nirreaġixxu kontrihom, ma nistgħux naċċettawhom. Wieħed mill-metodi ta’ kif moħħ kwiet u mistrieħ jista’ jinkiseb huwa billi naccettaw dak li qed jigri madwarna u li m’għandnix kontroll fuqu.
Newroxjenza
In-newroxjentisti li jinvestigaw il-benefiċċji tal-meditazzjoni wrew li permezz tar-ripetizzjoni l-moħħ isib mogħdijiet newrali ġodda u relazzjonijiet sinaptiċi li jippermettu lill-moħħ jibni mudelli ġodda ta’ mġieba u attività mentali. Dawn jippermettu lil dak li jkun sabiex ikun jista’ jadatta modi pożittivi ġodda u jħalli dawk il-modi li huma qodma u distruttivi warajh. Dan ġie ppruvat xjentifikament. Jekk xi drabi l-meditazzjoni tidher li mhux qed tagħmel id-differenza li tixtieq, huwa importanti li ma taqtax qalbek. Is-sigriet hu li tibqa’ tipprattika. Ir-ripetizzjoni hija ċ-ċavetta sabiex tgħin biex titgħallem toħloq modi differenti ta’ kif taħseb.
It-Tielet Pass
Kif Titratta l-Ansjetà b’Mod Aktar Effettiv: Agħraf x’Qed Tħoss
Waħda mill-istrateġiji li tista’ tgħin lil persuna li qiegħda tesperjenza l-ansjetà hija billi tipprova tibbilanċja l-ħsibijiet. Fi kliem ieħor, titgħallem tagħraf, tevalwa u taħdem sabiex il-ħsibijiet ansjuzi ma jieħdux kontroll tal-ħajtek.
Meta ssib ruħek tinħakem mill-ansjetà, prova ssepara ruħek mill-ħsibijiet tiegħek. B’dan il-mod tkun f’pożizzjoni aħjar biex tagħraf illi inti m’intix il-ħsibijiet u għaldaqstant mgħandekx għalfejn tirreaġixxi ghalihom. Għalhekk, ipprova aħseb b’mod razzjonali sabiex tkun tista’ tidentifika dak li hu reali u dak li mhux. Uża tekniki ta’ meditazzjoni sabiex tikkalma u taħdem sabiex tnaqqas l-ansjetà.
Ipprattika eżerċizzji fejn tkun grat ta’ dak li għandek f’ħajtek. Dawn jistgħu jkunu affarijiet żgħar, per eżempju t-temp kien sabiħ illum, għent lil xi ħadd jew tħossok grat għan-nies ta’ madwarek.
Ħares lejn is-suċċess – Għalkemm m’hiex faċli, ħares lejn fejn tixtieq tasal u imxi lejh. Ser ikun hemm ġranet fejn l-affarijiet ser jiġu bil-kuntrarju, imma żomm f’moħħok fejn tixtieq tmur.
Ir-Raba’ Pass
Affaċċja il-Biża’
Dan il-pass jenfasizza fuq għodda ta’ kif timmaniġġa l-ansjetà, u titgħallem kif taffaċċja il-biżgħat’ billi taffaċċja l-biżghat bilmod.
Waħda mill-aktar għodda qawwija li wieħed għandu hija l-abbiltà li jipproċċessa il-ħsibijiet. Il-mod kif wieħed jipperċepixxi l-ansjetà u l-paniku jiddetermina l-abbiltà li tittrattahom b’mod effiċjenti. Il-bidla fil-perspettiva tagħtik aktar ħiliet biex tkun f’pożizzjoni aħjar biex telimina u / jew tnaqqas il-ħsieb li jista’ jwassal biex tħossok anzjuż.
Meta nagħmlu tibdiliet fir-rutina ta’ kuljum u nibnu relazzjoni b’saħħithom, inkunu f’pożizzjoni aħjar li nieħdu ħsieb l-ansjetà tagħna.
Il-Ħames Pass
Inkomplu l-Vjaġġ
Nibqgħu Mexjin
Ipprepara lilek innifsek għall-futur bi strateġiji mmirati sabiex issostni il-progress u żżomm l-ansjetà taħt kontroll. Il-Ħames pass jenfasizza l-importanza li żżomm il-ħiliet fundamentali tiegħek
L-irkupru jista’ jieħu ż-żmien u huwa differenti għal kulħadd. Minbarra li tibda t-trattament, ikollok bżonn issib modi ġodda biex timmaniġġa u tgħix mal-bidliet u l-isfidi tal-ansjetà u / jew depressjoni.
Filwaqt li t-trattament psikoloġiku u / jew mediku jista’ jgħin fl-irkupru tiegħek, hemm ħafna modi oħra kif tista’ tgħin lilek innifsek biex tmur aħjar u tibqa’ tajjeb.
Stadji ta’ Rkupru
L-irkupru huwa proċess uniku u individwali li kulħadd jgħaddi minnu b’mod differenti. Madankollu, hemm xi emozzjonijiet komuni li ħafna nies jistgħu jesperjenzaw, bħal:
- Xokk li jkollok tiffaċċja xi ħaġa diffiċli u tal-biża’ li qatt ma tkun esperjenzajt qabel.
- Diffikulta` biex taċċetta li jkollok problema ta’ saħħa mentali, partikolarment waħda li ħafna nies isibuha diffiċli biex jifhmu.
- Id-disperazzjoni u r-rabja li jkollok rigward l-kundizzjoni u d-diffikultajiet relatati li din iġġib magħha.
- Taċċetta li jkollok kundizzjoni u l-bidliet li ġġib magħha, u taċċetta kif tħares lejk innifsek.
- Tfittex modi ġodda kif tgħix bl-isfidi u l-bidlet u tindirizzahom.
L-irkupru jmur lil hinn mill-iffukar fuq kif timmaniġġja s-sintomi ta’ dwejjaq imma jiffoka fuq li tkun kapaċi toħloq ħajja sinifikanti kuf ukoll tħeġġek tikkontribwixxi fil-ħajja.