Min Jista’ Jgħin

Li ssib lil xi ħadd li jifhmek kapaċi jkun wieħed mill-iktar passi importanti. Ikun hemm min jirnexxielu jmur tajjeb mal-ewwel professjonist li jfittex, waqt li jkun hemm oħrajn li jkollhom bżonn jiltaqgħu ma’ nies differenti qabel iħossuhom verament komdi jiftħu qalbhom. L-importanti huwa li ma taqtax qalbek! Żgur ser issib professjonist li ser jipprova jifhem dak li inti għaddej minnu u jgħinek timxi l-quddiem. 

Psikologu? Psikjatra? Psikoterapija? Nisimgħu ħafna kliem li forsi jfixkilna, u ma nkunux nafu liem professjonist jista’ jgħinna. Hawn isfel għandek gwida ta’ professjonisti differenti biex tgħinek ftit iktar tifhem id-differenza bejniethom. Tajjeb li nsemmu li għal fini ta’ kitba, ġieli nirreferu għal xi professjonisti fil-maskil, madanakollu jeżistu professjonisti ta’ kull ġeneru. 

 

Lista ta’ Professjonijiet

Psikoterapisti

M’għandekx bżonn riferiment biex tibda sessions ma’ psikoterapista. Permezz tat-taħriġ tagħhom, il-psikoterapisti jistgħu jgħinu u jissaportjaw individwi biex jifhmu aħjar lilhom infushom u jgħixu kwalita` ta’ ħajja aħjar. Punt importanti fit-terapija huwa li jinbena ambjent terapewtiku u sigur li jagħti l-opportunita` lill-persuna biex titkellem fuq suġġetti sensittivi jew diffiċli. Il-psikoterapija tista’ tkun utli biex tghin f’każi ta’ trawma, niket f’każ li titlef lil xi ħadd, dipressjoni u ansjeta`. It-taħriġ ta’ psikoterapist jinkludi studju universitarju f’suġġett tax-xjenza soċjali li jkompli għal masters f’dixxiplina speċifika ta’ terapija. Hemm diversi tipi ta’ psikoterapija bħal EMDR, terapiji mal-individwu (bħal Gestalt Psychotherapy jew Cognitive Behavioural Therapy), mal-koppji, mal-familji u mat-tfal.

Qed tikkunsidra tibda t-terapija? Hawnhekk tista’ ssib lista ta’ mistoqsijiet li ħafna nies ikollhom dwar xi tfisser terapija u kif tagħmel l-ewwel pass. .

Psikologi

M’għandekx bżonn riferiment biex tibda sessions ma’ psikologu. Permezz tat-taħriġ tagħhom, il-psikologi kapaċi japplikaw terapiji u interventi psikoloġiċi fuq varjeta` wiesgħa ta’ problemi ta’ saħħa mentali bħal ansjeta`, depressjoni, u skizofrenija. Wara li jkunu ggradwaw fil-psikoloġija, il-psikologi jkunu komplew l-istudji tagħhom b’masters f’qasam speċjalizzat bħal dak kliniku jew counselling. Hemm psikologi li jispeċċjalizzaw f’oqsma differenti bħal dak edukattiv, forensiku jew organizzattiv. Il-psikologi huma rreġistrati ma’ bord ta’ reġistrazzjoni nazzjonali. Huma jiġu mogħtija warrant wara li jkunu għamlu sentejn jaħdmu taħt superviżjoni.Il-psikologi m’humiex professjonisti mediċi u għalhekk ma’ jistgħux jippreskrivu mediċina. Skond it-taħriġ tagħhom, il-psikologi huma kapaċi jwettqu valutazzjonijiet u jipprovdu dijanjosi. Tista’ ssib psikologi kemm fi kliniċi, sptarijiet, ċentri tal-komunita`, skejjel, ċentri ta’ rijabilitazzjoni u faċilitajiet korrettivi.

Counsellors

M’għandekx bżonn riferiment biex tibda sessions ma’ counsellor. Il-Counsellors jipprovdu appoġġ psikoloġiku. Huma kapaċi jaħdmu f’ambjenti different, inklużi kliniċi privati, ċentri tas-saħħa, servizzi komunitarji u edukattivi kif ukoll f’servizzi għaż-żgħażagħ. Wara li jkunu ggradwaw fil-psikoloġija jew f’suġġett ieħor fix-xejnza soċjali, jkunu komplew l-istudji tagħhom b’masters. Il-counsellors jista’ jkollhom ukoll taħriġ speċifiku bħal ngħidu aħna jkunu speċjalizzati fuq il-vizzji, u għalhekk tista’ ssibhom ukoll f’ċentri ta’ rijabilitazjoni.

Social Workers

M’għandekx bżonn riferiment biex tistaqsi appoġġ minn social worker. Social workers li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali jingħataw warrant mill-Malta Social Work Profession Board. L-għan ewlieni tas-social worker huwa li tagħti s-setgħa lill-individwu u lill-komunitajiet biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u biex iżommu kwalità ta’ ħajja tajba fis-soċjetà. Dawn il-professjonisti huma mħarrġa f’diversi diffikultajiet soċjali, u jkunu kapaċi jivvalutaw, jiggwidaw u jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Is-social workers jgħinu wkoll lil dak li jkun iqassam xogħolu fil-ħajja ta’ kuljum, jgħinuh sabiex ilaħħaq ma’ sitwazzjonijiet differenti u jgħinu biex jissolvew problemi personali u tal-familja.

Psychology Officers

Meta ċċempel fuq helpline jew tuża chat bħal OLLI Chat, wisq probabli ser tkun qed titkellem ma’ Psychology officer. Psychology officers huma professjonisti tas-saħħa mentali mħarrġa f’diversi oqsma soċjali bħall-psikoloġija, xogħol soċjali u xogħol maż-żgħażagħ. Permezz tat-taħriġ tagħhom, huma kapaċi jassistu b’mod ħolistiku lil dawk li jkunu qed isofru minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali varji, bħal depressjoni u ansjetà. Bl-interventi terapewtiċi u l-appoġġ tagħhom, dak li jkun jingħata l-għajnuna meħtieġa u jiġi ggwidat kemm emozzjonalment kif ukoll b’mod prattiku. Psychology officers jaħdmu flimkien mal-persuna u professjonisti oħra involuti biex joħolqu pjan ta’ kura skond il-bżonnijiet personali, filwaqt li jkunu konformi mat-trattament u l-kura psikjatrika. Dawn il-professjonisti ġeneralment jaħdmu fi ħdan is-servizzi tal-komunità, bħal per eżempju il-Fondazzjoni Richmond.

Occupational Therapists (OT)

L-Occupational therapists jgħinu fit-trattament ta’ kundizzjonijiet fiżiċi, psikoloġiċi u psikjatriċi billi jwettqu interventi mmirati biex kemm jista’ jkun iġibu l-quddiem il-funzjonalità, l-awtonomija u l-indipendenza tal-persuna fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum. Huma wkoll kapaċi jintervjenu fi ħtiġijiet fejn tidħol il-kura personali, xogħol tad-dar, ħiliet sabiex jinstab impjieg u kif ukoll biex wiehed jibni relazzjonijiet b’saħħithom. Occupational therapists jistgħu jinstabu fi sptarijiet, ċentri ta’ rijabilitazzjoni, servizzi fil-komunità u djar tal-kura. Huma jagħmlu wkoll żjarat fid-djar jew postijiet tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jgħinu lill-persuna fl-ambjent tagħha.

Infermiera Psikjatriċi

L-infermiera psikjatriċi (psychiatric nurses) huma infermiera rreġistrati u speċjalizzati fit-trattament u l-kura ta’ persuni b’mard mentali. Ġeneralment jinstabu f’ambjenti mediċi bħal sptarijiet, kliniċi u servizzi tal-komunità. L-infermiera psikjatriċi jistgħu jipprovdu għajnuna b’medikazzjoni u appoġġ prattiku, kif ukoll pariri jekk ikun sar aktar taħriġ.

It-Tabib tal-Familja

Tabib tal-familja huwa l-ewwel persuna fejn inti tista’ tfittex l-għajnuna. Huwa jkun jista’ jiċċekja jekk għandekx xi problemi ta’ saħħa fiżika, li jistgħu jkunu qed ikollhom effett fuq is-saħħa mentali tiegħek. Permezz ta’ dijanjosi, it-tabib tal-familja jkun jista’ jispjega s-sintomi li tkun qed tħoss, u b’hekk jara jekk ikunx hemm il-bżonn li jordnalek xi mediċina. Jista’ wkoll jissuġġerixxi ċerti bidliet fl-istil ta’ ħajja jew jissuġġerixxi xi għajnuniet oħra bħal ngħidu aħna eżerċizzji fiżiċi li jistgħu jkunu utli biex inti tikontrolla aħjar is-sitwazzjoni. It-tabib tal-familja jkun jista’ jirreferik ukoll għal speċjalisti jew servizzi li jkunu jistgħu jipprovdu aktar appoġġ.

Psikjatri

Il-psikjatri huma tobba li għandhom taħriġ speċifiku fil-psikjatrija. It-tabib tal-familja jista’ jirreferik għand psikjatra jekk iħoss li għandek bżonn ta’ speċjalist, jekk it-trattament li kien tak hu mhux qed jaħdem kemm tixtiequ jew jekk il-problema qed tibqa tirrepeti ruħha. Il-psikjatra jkun jista’ jpoġġi miegħek biex jifhem x’tip ta’ kura tista’ tgħinek l-iktar. Il-psikjatri jaraw il-klijenti tagħhom regoralment sabiex jevalwaw jekk il-kura hux qed taħdem kif suppost, jekk hemmx xi side effects u jekk il-persuna tinsabx kuntenta bit-trattament tagħha. Il-psikjatri jaħdmu kemm fi kliniċi privati u kemm f’dawk publiċi u spiss jaħdmu f’timijiet multidixxiplinarji li jinvolvu professjonisti oħra bħal OTs, infermiera psikjatriċi, ħaddiema tal-outreach u social workers.

Bnejna din il-gwida biex tgħinek taħseb x’mistoqsijiet tixtieq tistaqsi waqt l-appuntament mal-psikjatra tiegħek.